Il-Ġimgħa, 17 ta’ Diċembru 2010

Il-Milied u s-Sena t-Tajba mill-Gardjola




                        Il-festa tal-Milied, il-festa tat-twelid ta’ Ġesu, hija r-risposta t’Alla u tal-Knisja li huwa waqqaf, li ssemmgħalna u tfakkarna l-ħin kollu dik l-istqarrija, ħelwa, sublimi, sempliċi, imma fonda fil-ħsieb, li Alla jħobbni.


                        Imma l-Milied mhuwiex biss tifkira, għalkemm it-tifkira fiha sens. Imma aktar importanti hija l-ħeġġa li naħdem u nikkonserva l-preżenza ta’ Kristu fis-soċjetà li ngħixu fiha. F’dan iż-żmien tal-Milied, iktar u iktar għandna niftħu qalbna għall-umanità kollha.

U kull Milied nistaqsi lili nnifsi: “Kemm il-Milied ieħor se nara u ngħix matul ħajti?
Din il-mistoqsija, li m’għandniex risposta għaliha, tgħinni ngħix kull Milied daqs li kieku dan il-Milied li kien l-aħħar Milied li se ngħix. Tfakkarni f’dak il-Milied, dak il-ferħ li se ngawdi kuljum qrib dak li ħabbni kuljum, f’ħajja ġdida li ma tmut qatt. 



Mulej Gesu għinna ma ninsewx li inti twelidt imwarrab minn kulħadd u minsi minn kulħadd, imma ġibt il-ferħ, it-tama u l-kuraġġ għand dawk li laqgħuk.  

0 kummenti: