Il-Ħamis, 21 ta’ Lulju 2011

Quddiem il-Periklu tal-Fundamentaliżmu Bibbliku



Ħaġa tal-Iskantament kif, kemm ilha mwaqqfa l-Knisja kull min fettillu joħroġ b’xi ereżija ġdida, ilkoll kienu kapaċi jikwotaw kwotazzjoni mill-Bibbja biex jippruvawha.

Jista’ wieħed jgħid illi bil-Bibbja f’idejna nistgħu nippruvaw u nispjegaw kull duttrina aċċettata daqs kull ereżija kontriha. 
Illum f’Malta wkoll daħlet din it-trend illi wieħed, bil-Bibbja f’idu jaqbad u jikkwotalek mill-Bibbja qisu mhux hu u ħafna drabi jistgħu jġibu f’dubju lil xi wħud jekk ir-ruħ hijiex immortali jew le, jekk il-fidi mal-Opri tajba humiex bżonjużi jew le, jew li l-fidi waħedha ssalvak.

Minn dan jidher ċar illi l-idea Protestanta li l-fidi waħedha ssalvak hija fallaċi, għaliex kulħadd huwa kapaċi li jifhem u jfisser il-Bibbja mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd. (Bħal sola scrittura, sola fidei u li jeżisti wkoll is-saċerdozju universali għall-dawk kollha li jemmnu, dawn huwa t-tagħlim fundamentali tal-Protestanti.)

Efesin – “f’Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda” spiċċat sfortunatament biex tkun l-għajn ta’ firdiet u knejjes u setet bla għadd.

Erasmus – sa mill-bidu nett tal-Protestantiżmu kien semma illi jekk il-Bibbja hija ktieb li fiha jfittex id-dommi, isib fiha d-dommi li wieħed irid ikun irid jemmen fihom. Ma tistax taqra l-Bibbja bħall kull ktieb ieħor, jew jaqbad u jifhem u jispjega skont kif jaqbel lilu, jew mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd.

Il-Muftieħ qiegħed biss fil-Knisja – Mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

85.    “Id-dmir tat-tifsir b’mod awtentiku tal-Kelma ta’ Alla, miktuba jew trasmessa ġie fdat biss lill-Maġisteru ħaj tal-Knisja”, jiġifieri lill-isqfijiet li huma f’xirka mas-suċċessur ta’ San Pietru, l-isqof ta’ Ruma.

86.    “Għalhekk dan il-Maġisteru mhux aqwa mill-Kelma ta’ Alla imma hu għall-qadi tagħha, billi jgħallem dak biss li ġie trasmess, għaliex b’ordni ta’ Alla u bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu, irid jisma’ din il-Kelma bi tjieba, iħarisha bi qdusija u jfissirha b’fedeltà sħiħa, u minn dan id-depożitu waħdieni tal-fidi irid jieħu dak kollu li jipproponi biex jitwemmen bħala rivelat minn Alla”.

 Il-Bibbja ma nkitbitx b’xi inizzjattiva privata u lanqas ġiet imħollija biex tinqara jew tiġi mifhuma skont il-kurżita’, il-fehma u d-devozzjoni ta’ min jaqraha. Għall-kuntrarju dina ġiet b’ispirazzjoni ta’ Alla u afdata lil Knisja .
Fl-aħħar tas-seklu 19 u 20, kien hemm diviżjonijiet qawwija bejn membri ta’ knejjes differenti li ġew f’kunflitt bejniethom, minħabba l-iżvilupp tax-xjenzi bħall-bijoloġija u l-psikoloġija bdew jiġu sfidati mill-Modernisti, jew relattivisti li kienu qed jipperikolaw il-fidi Kattolika.

Il-Konservattivi ma rawx il-bżonn li jerġgħu jifhmu mill-ġdid ċertu duttrini bażiċi u grupp żgħr ta’ konservattivi Protestanti, mmexxija mill-pastors Protestanti A.C. Dixon u Reuben Archer Torrey bejn l-1910 u l-1915, fi żmien il-ħalfa kontra l-Moderniżmu (li nqatgħet fl-1967), bdew joħorġu faxxikli sħaħ bl-isem Il-Fundamenti: Testimonjanza tal-Verita’, minn hawn twieled il-fundamentaliżmu Modern. Dan ħareġ mill-Bible Institute of Los Angeles.

Il-Fundamentalisti jibbażaw il-konvinzjonijiet tagħhom fuq l-interpretazzjoni strettament litterali tat-testi tal-Bibbja, daqs li kieku l-Bibbja ġiet ispirata verbalment. Dawn lanqas ma jagħtu każ, u lanqas iridu jagħtu tar-raġunijiet kuntrarji u tal-iżvilupp fl-istudji kritiċi tal-Bibbja.

Il-Fundamentalisti jinjoraw għalkollox il-valur tat-Tradizzjoni. Meta nsemmu t-Tradizzjoni maħniex nifmhu t-tradizzjonijiet lokali, popolari jew folkloristiċi, iżda t-tradizzjoni Ekklesjali li ġejja minn żmien l-Appostli, li baqgħet sostanzjalment l-istess matul iż-żmien u kullimkien. Iżda għall-fundamentalisti dan ma jfisser xejn, anzi jirriġġettawha għalkollox, għaliex li hemm miktub biss jgħodd.

Il-litteraliżmu jġib miegħu żewġ żbalji: li dawn jibbażaw il-konvinzjonijiet tagħhom fuq l-interpretazzjoni strettament litterali tat-testi tal-Bibbja u joqogħdu biss għall-kelma u jifhmu l-kelma kif iddoqq skont widnejhom.

Dawn jinsew li għalkemm Alla huwa l-awtur prinċipali tal-kotba Mqaddsa imma fl-istess waqt kienu l-bnedmin li kitbuhom. Ma nistgħux ma nżommux għajnejna s-sehem tal-awturi-bnedmin, il-karatteristiċi letterarji u ċ-ċirkostanzi kollha tal-kotba tagħhom. 

Għalhekk aħna li nħarsu madwarna għandna ninnutaw u l-Bibbja nħarsu lejha “between the lines” mhux nieħdu kollox kif jidher, m’mod litterali, ħalli l-kelma tħalli l-vera effett spiritwali fuqna ta’ Alla li kliemu għadu jisfida lilna, aħna li qed nimxu warajh.

Addattament mill-artiklu tal-Kan. John Ciarlo “Quddiem il-periklu tal-fundamentaliżmu Bibbliku” tas-Sibt 16 ta’ Lulju 2011

Il-Paċi Magħkom

0 kummenti: