L-Erbgħa, 24 ta’ Awwissu 2011

Il-Festa ta' Santa Marija tal-Mosta - Laqta Simbolika


F'dan il-filmat qasir xtaqt noħroġ is-simboliżmu qawwi biex mhux sempliċi rajt video,  imma li ħadt minnu xi ħaġa wkoll. Bħal f'pittura astratta, bħal skultura f'mużew tal-arti, l-istess jista japplika video, li jkun magħmul b'mod artistiku.

Fil-bidu l-kongregazzjoni, il-poplu Mosti, nies minn irħula oħra u t-turisti, jistennnew il-miġja tal-istatwa tal-Assunta fil-bieb tal-knisja. Bilmod il-mod il-vara toħroġ mill-kenn tar-rotunda u tiltaqa' u tmiss mal-poplu, poplu li ħafna drabi jinsa l-ħajja tajba, jinsa li hu Nisrani. Għalhekk il-vara mimlija kuluri, hekk kif tiltaqa' mal-poplu, bħal tinbidel f'silwett, tiswied, bħal tieħu ħasda għax taf kemm is-soċjeta' Maltija nbidlet minn sen'ilu 'l hawn. Imma malajr terġa tieħu l-ħajja, terġa tieħu l-kulur, għax taf li l-fidi f'uħud minn ulieda għadha b'saħħitha, anki jekk għaddiet minn mument ta' prova. Dan il-fatt jibqa' matul il-filmat kollu, f'mumenti differenti tal-purċissjoni, il-kant tat-tfajliet, in-nisa bil-fanali ħomor, iċ-ċapċip onest mingħajr ħafna pompi, jagħmel il-purċissjoni tagħmel iktar sens.
Il-filmat jaqta' għal ġol-knisja, fejn ridt niġbed iktar milli l-arkitettura jew il-pitturi, imma l-iżjed l-emozzjonijiet ta' dawk in-nies. Nies li flok marru biex jaraw u jinnutaw u jistagħġbu bil-kapaċita' tal-bniedem kemm jaf jibni bini kbir, poġġew bilqiegħda u qagħdu jistagħġbu b'dak il-Ħallieq li ħalaqhom, talbuh jgħinom fid-diffikultajiet u t-tbatijiet tal-ħajja.

L-iktar shot li naraha tolqotni personalment hija l-parti fejn Kristu msallab, salib ta' fratellanza minnhom, qiegħed iħares lejk, int li qed tara l-video, u jistaqsik mistoqsija, qed jitolbok xi ħaġa, qed iġagħlek tidħol fik innifsek u tistaqsi kemm tħobb verament lil Kristu. Fl-istess ħin it-tbatija ta' Kristu qed titħallat mal-ferħ tal-festa, mal-logħob tan-nar mal-abbatini jċapċpu. Imma hemm min waqaf u flok apprezza x-xogħol tal-artist li ħoloq statwa hekk sabiħa, apprezza kemm Marija qiegħda tagħmel miegħu ġid moħbi, li ħadd ma jarah.

Fl-aħħar l-istatwa tidħol lura fil-knisja, biex għal sen'oħra nerġgħu mmorru lura għall-ħajja tagħna, għar-rutina tas-soltu. Imma l-Assunta ħarġet barra biex tgħidilna biex ma ninsewx lill Binha, li ssallab fuq salib biex lilek isalvak, u lanqas ma tinsa żżuru kontinwament b'xi vista, jew quddiesa b'mod regolari, mhux fil-festa biss, iżda matul is-sena kollha.

0 kummenti: